https://laikosblog.org/2021/04/23/wasal-iz-zmien-li-nagixxu/?fbclid=IwAR3tLV8Vi8a1q1zfguaMvlVvCW6bkMjTtKv9ZgQAeX258HXZOUrFApNrCLI
Il-Papa ‘f’Jum id-Dinja’: “Wasal iż-żmien li naġixxu!”
Parroċċa tal-Madonna ta' Fatima
Just another WordPress site
https://laikosblog.org/2021/04/23/wasal-iz-zmien-li-nagixxu/?fbclid=IwAR3tLV8Vi8a1q1zfguaMvlVvCW6bkMjTtKv9ZgQAeX258HXZOUrFApNrCLI
Il-Papa ‘f’Jum id-Dinja’: “Wasal iż-żmien li naġixxu!”
Wara ħafna qtigħ il-qalb, irnexxilna nibdlu d-dati u niċċelebraw l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof fl-istess ġurnata. Nhar il-Ħadd, 23 ta’ Awwissu, ilqajna fostna lil Mons Joseph Galea Curmi biex jiċċelebra l-Griżma tal-Isqof ta’ 24 adolexxent fil-quddiesa tad-9.30am. Kien mument sabih b’ċelebrazzjoni sempliċi, għalkemm b’ħafna regoli skond l-Awtoritajiet tas-Saħħa u tal-Kurja Djoċesana. Filgħaxija, imbagħad, iċċelebrajna l-Ewwel Tqarbina ta’ 17-il tifel u tifla. Kienet ukoll ċelebrazzjoni sempliċi u sabiħa. B’hekk għallinqas kemm il-Kummissjoni Katekeżi kif ukoll il-ġenituri ħarġu sodisfatti li din is-sena, minkejja l-COVID-19, dawn iż-żewġ sagramenti ingħataw bħas-snin l-imgħoddija. Il-tfal tal-Preċett kif ukoll l-adolexxenti tal-Griżma tal-Isqof jinsabu wkoll kuntenti li rċevew dawn is-sagramenti. Nittamaw li s-sena d-dieħla, mingħajr dubju b’regoli ġodda addattati għal ċirkustanzi differenti, inkunu nistgħu nkomplu bil-ħidma tagħna pastorali fost it-tfal u niċċelebraw dawn is-sagramenti tal-bidu fil-ħajja nisranija.
Wara tlett xhur sħaħ, fuq orjentazzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-saħħa, l-isqfijiet tagħna waslu għall-konklużjoni prudenti li billi l-imxija qed tiġi kkontrollata b’diversi regoli dixxiplinarji, jistgħu bil-mod il-mod jerġgħu jinfetħu l-knejjes. Dan kien il-pjan kollettiv bejn l-awtoritajiet tal-Knisja u l-awtoritajiet tas-saħħa. U hekk ġara fit-13 u l-14 ta’ Ġunju, festa għażiża tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu (Corpus Christi). Kumbinazzjoni din il-ġurnata! Jew dan kien il-pjan ta’ Alla, li proprju f’din il-festa kbira ta’ qima lejn l-Ewkaristija, Alla jgħajjat lid-dixxipli ta’ Kristu biex, wara din is-sawma ta’ tlett xhur, jerġgħu jduru mal-mejda biex Kristu nnifsu jaqsam magħhom l-istess ġisem tiegħu. Dan kien il-pjan ta’ Alla – Alla li huwa mħabba. Kemm għandna x’nirringrazzjawh talli reġa għajtilna biex isaħħaħ il-fidi u t-tama tagħna fl-imħabba tiegħu. Ejjew nibqgħu nosservaw id-direttivi li qed tagħtina l-Knisja flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa biex issa li qed naqsmu l-Ewkaristija, naslu biex naqsmu wkoll il-ħajja tagħna flimkien bħala vera aħwa w ulied l-istess Missier.
Waqt li l-knisja kienet magħluqa u l-laqgħat tal-katekiżmu waqfu minħabba l-Covid-19, Steve Marshall f’isem is-Sezzjoni Briju tal-Kummissjoni Festa nċentiva lit-tfal biex jpinġu posters fejn juru x-xewqa tal-għaqda fost il-bnedmin kontra l-imxija li ħakmet lid-dinja. It-tema kienet qawsalla ta’ tama. Ħafna tfal ħadu sehem u l-posters tagħhom tpoġġew ħdejn l-istatwa tal-Madonna li hemm fuq iz-zuntier kif jidhru fir-ritratti. Tpoġġiet ukoll talba taħt l-istatwa tal-Madonna – talba biex il-Madonna tipproteġina minn din l-imxija. Proset tal-inizjattiva
Fit-12 ta’ Mejju għalaqna xharejn minmindu kellna nagħlqu l-bibieb tal-knisja parrokkjali u noqgħodu fil-kunvent. Madanakollu, fit-13 ta’ Mejju ma stajniex ma nagħmlu xejn biex infakkru l-Ewwel Dehra tal-Madonna. Tlett snin ilu ċċelebrajna din il-ġurnata bil-kbir għaliex fakkarna l-mitt sena mill-Ewwel Dehra (1917-2017). Iżda din is-sena tħassar kollox. Il-pellegrinaġġ ma sarx u dan għal żewġ raġunijiet. L-ewwelnett minħabba l-corona-virus, u t-tieni għaliex ix-xogħlijiet ta’ Triq Santa Monika li bdew fi Frar għadhom mhumiex lesti. Jiġifieri anki kieku ma hawnx il-problema tal-COVID-19, xorta ma konniex inkunu nistgħu noħorġu fit-triq. Imma minkejja dan kollu l-parruċċani ma baqgħux b’xejn. Filgħodu, fil-11.00, ġiet mxandra quddiesa permess tal-facebook tal-Grupp Kristu Rebbieħ li Vince Marshall imexxi. Qaddes il-kappillan u kkonċelebraw miegħu P. Ivan Attard u P. Danjel Bonello. Mexxa l-kant Fra Ryan
u daqq l-orgni Reuben Mifsud. Qraw il-qari tal-quddies Sylvia Marshall u Saviour Friggieri. Dan sar bil-knisja magħluqa għan-nies. Wara l-quddiesa rreċitajna l-kurunella tal-Madonna u wara l-kappillan ta il-barka sagramentali minn fuq iz-zuntier lill-parruċċani kollha. Filgħaxija, imbagħad, għamilna l-istess ħaġa imma din id-darba b’xandira diretta minn fuq it-TV XEJK fis-6.30pm. Iċċelebrajna l-quddiesa bħala komunita dumnikana, filwaqt li Fra Ryan għen il-quddiesa, u l-kant kien immexxi mill-Grupp tal-kitarri: Lara Friggieri, Saralina Savo u Graziella Vella. Il-qari sar minn Saviour Friggieri u Graziella Vella. Fi tmien il-quddiesa rreċitajta l-kurunella quddiem il-Madonna pelegrina, saret il-konsagrazzjoni lill-Madonna u barka sagramentali. B’hekk il-festa tad-dehra saret xorta b’mod differenti. Il-feedback li kellu l-kappillan minn parruċċani kien ta’ tifħir. Nittamaw li għall-aħħar dehra f’Ottubru jerġa’ kollox għan-normal.
Din is-sena l-Ġimgħa Mqaddsa kienet differenti bħalma kienet fid-dinja kollha. Minħabba l-CONVID-19 kulħadd kellu joqgħod id-dar u għalhekk iċ-ċerimonji tant sbieħ tal-Ġimgħa Mqaddsa saru mingħajr il-preżenza tal-poplu. Aħna bħala komunita reliġjuża ċċelebrajna kollox bejnietna fil-kappella tal-Kunvent (il-Korin). Bdejna b’Ħadd il-Palm, 05 ta’ April, li fih berikna l-palm fil-kurutur tal-Kunvent, imbagħad dħalna fil-kappella fejn iċċelebrajna l-quddiesa li fiha nqara l-evenġelju jew kif inhu msejjah “il-Passju”. Konna preżenti jien (P. Vince), P. Danjel, P. Ivan u Fra Ryan.
wkoll Ħamis ix-Xirka (09 ta’ April) fis-7.00pm fejn fi tmiem il-quddiesa poġġejna l-Ewkaristija fit-tabernaklu bħala altar tar-ripożizzjoni. Baqa’ l-lejl kollu biex min irid jagħmel l-adorazzjoni personali tiegħu. Fid-9.00pm inħoloq grupp żgħir mill-Kummissjoni Żgħażagħ li filwaqt li baqa’ d-dar daħlu f’kuntatt magħna bl-internet u minn hemm ipparteċipaw il-visti tal-knejjes mmexxija minn Fra Ryan.
Fil-Ġimgħa l-Kbira (10 ta’ April), fit-3.00pm iċċelebrajna flimkien iċ-ċerimonja tal-Passjoni ta’ Kristu. Sar dak kollu li mdorrijin niċċelebraw man-nies, jiġifieri, il-qari tal-Passju, l-adorazzjoni tas-salib u mbagħad it-tqarbin.
Sibt il-Għid (11 ta’ April) imbagħad iċċelebrajna b’mod solenni l-quddiesa tal-Għid. Bdejna fis-7.00pm fil-bitħa fil-Kunvent, għamilna t-tberik tan-nar, u mbagħad dħalna fil-kappella fejn tkantat il-Għanja tal-Għid u wara qrajna s-7 lezzjonijiet tal-Għid. Forsi din kienet l-ewwel darba li qrajnihom kollha għax s-soltu man-nies naqraw 5. Dawn il-lezzjonijiet juruna li is-Sahra tal-Għid hija ċ-ċelebrazzjoni ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam mal-fidwa tagħna. Dan ifisser il-lezzjonijiet, li ilkoll iduru madwar it-tema tat-tiġdid tal-ħajja. Il-lezzjonijiet jitħaddtu fuq il-ħolqien, il-fidwa ta’ Noè u l-familja tiegħu mid-dulluvju, il-ħelsien tal-Iżraelin mill-jasal, il-wegħda tat-tkattir tad-dixxendenti ta’ Abraham san-“nazzjonijiet kollha”, il-ħelsien tal-Iżraelin fil-Baħar l-Aħmar, u t-twettieq tal-wegħda ta’ Yahweh li jeħlishom fl-Art Imwiegħda. Ġie mbierek ukoll l-ilma ġdid tal-Għid u ġeddidna l-wegħdiet tal-magħmudija tagħna. Wara dan komplejna bil-quddiesa. Wara li spiċċajna mill-quddiesa indaqqet mota, kif talab l-Arċisqof Charles Scicluna, biex hekk in-nies minn djarhom setgħu jirċievu ukoll sinjal ta’ ferħ li jġibu magħhom dawn il-festa ta’ Għid li jfakkru l-qawmien ta’ Ġesu mill-mewt u t-tiġdid tal-fidi tagħna f’dan il-misteru. B’hekk ġew iċċelebrati l-funzjonijiet kollha tat-tlett ijiem tal-Ġimgħa Mqaddsa.
04 ta’ April, festa tad-Duluri: Din is-sena din il-festa tant devota u popolari fostna l-Maltin, li kull sena timla l-knejjes għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddies u timla wkoll t-triqat ta’ diversi parroċċi fil-mument tal-purċissjoni, ġiet iċċelebrata b’mod differenti. Billi l-knejjes kienu magħluqa minħabba l-COVID 19, il-kappillan flimkien mal-komunita dumnikana qaddsu ġewwa. Imma ma qaddsux għalihom bħalma għamlu u qed jagħmlu f’dawn il-ġranet. Fil-11.00am qaddsu fil-knisja bil-bibien magħluqa u ċ-ċelebrazzjoni ġiet trasmessa fuq facebook tal-Grupp Kristu Rebbieħ. Din l-opportunita ppermittiet li ningħaqdu mal-parruċċani u nies oħra, anki maltin barra minn Malta. Fi tmiem il-quddiesa l-kappillan ta l-barka sagramentali fil-knisja u mbagħad mar fil-bieb tal-knisja li nfetah għal dak il-mument biex jagħti l-barka lill-parruċċani. Kien mument speċjali u emozzjonali.
27 ta’ Marzu: Illum fis-6.00pm aħna bħala komunita dumnikana ltqajna fil-kamra tat-TV u, bħalma għamlu l-Maltin u nies mid-dinja kollha, assistejna xandira diretta minn Pjazza S. Pietru, Ruma, il-laqgħa tal-Papa Franġisku mad-dinja kollha. Iżda ħa nikkopja hawn test maqlub għall-malti minn Evarist Bartolo li jispjega eżatt x’ġara f’dan il-ħin:
Rajt raġel!
Kien raġel waħdu… liebes l-abjad u jidher għajjien imma determinat. Ix-xita kienet nieżla bil-qliel u r-riħ kiesaħ kien qiegħed jonfoħ, u r-raġel, mgħobbi bit-toqol tan-niket u tat-tbatija, imma wkoll bit-tama, kien tiela’ bil-mod it-tarġiet li kellu quddiemu, qisu Kristu tiela’ għal darba oħra l-Kalvarju.
Kienet dehra impressjonanti! Raġel anzjan, bil-pass mzappap u tiela’ bi tbatija tant tarġiet iġorr fuq spallejh in-niket kollu ta’ dinja mbeżża’ u mikduda bil-mard u l-inċertezza. Kien miġbur fis-skiet tiegħu, jitlob maħfra fit-talb tiegħu, maħfra għad-dnubiet kollha ta’ l-umanita’. Jitlob għas-salvazzjoni tal-bnedmin.
Rajt raġel! Raġel fost l-irġiel li jogħla fuq kulħadd u jitlob għal kulħadd. Raġel li kien qiegħed iwassal lill-bniedem it-tama li kisiblu l-Mislub li kien hemm warajh.
Kien ir-raġel li qed jgħid lill-bniedem: “ħadd ma jsalva waħdu” għaliex m’intix waħdek jekk tkun temmen f’Alla u s-salvazzjoni tiegħu.
Rajt raġel li ser isalva flimkien mal-bnedmin l-oħra tad-dinja. U ser isalva għax jemmen, u jibqa’ jemmen għal dejjem.
(Kitba mnebbħa mill-poeżija HO VISTO UN UOMO ta’ Giulia Madonna).
Tajjeb illi nħallu hawn ukoll l-omilija bil-malti (maqluba mit-Taljan minn Francisco Pio Attard) li għamel il-Papa f’din l-okkażjoni, wara li nqara l-vanġelu ta’ S. Mark 4,35-41 – Ġesu jsikket it-tempesta:
“Xħin sar filgħaxija” (Mk 4:35). Hekk jiftaħ il-Vanġelu li għadna kemm smajna. Ilna ġimgħat issa nistħajlu li sar filgħaxija. Dlamijiet ħoxnin inġemgħu fuq il-pjazez, it-toroq u l-bliet tagħna; ħakmu fuq ħajjitna u mlew kollox b’ħemda li ttarrax u vojt tal-mewt, li kull fejn jgħaddi jipparalizza kull ħaġa: jinħass fl-arja, jidher fil-ġesti, tgħidu kull ħarsa. Erġajna sibna ruħna mbeżżgħa u mifxula. Bħad-dixxipli tal-Vanġelu, ir-riefnu qawwi li ma konniex qed nistennewh qabadna fuq sieq waħda. Intbaħna li ninsabu fuq l-istess dgħajsa, ilkoll dgħajfa u mifxula, imma fl-istess waqt importanti u meħtieġa, ilkoll imsejħin nibqgħu flimkien, ilkoll fil-bżonn li nfarrġu lil xulxin. Fuq din id-dgħajsa… ninsabu lkoll kemm aħna. Bħal dawk id-dixxipli, li jitkellmu vuċi waħda u kollhom imbeżżgħa jgħidu: “Se nintilfu” (v. 38), hekk ukoll aħna ntbaħna li ma nistgħux nibqgħu għaddejjin kulħadd għal rasu, imma flimkien biss nistgħu naslu.
Faċli nilmħu lilna nfusna f’dan ir-rakkont. Id-diffiċli hu nifhmu l-imġiba ta’ Ġesù. Waqt li d-dixxipli naturalment jinsabu fi stat ta’ allarm u qalbhom maqtugħa, huwa jinsab fil-poppa, f’dik il-parti tad-dgħajsa li l-ewwel li ħa tinżel taħt l-ilma. U x’inhu jagħmel? Minkejja l-ġenn kollu, jinsab rieqed seren, fiduċjuż fil-Missier – hija l-unika darba fil-Vanġelu fejn naraw lil Ġesù rieqed. Meta mbagħad iqajmuh, wara li jkun ikkalma l-irjieħ u l-ilmijiet, idur fuq id-dixxipli u b’ton ta’ ċanfira jgħidilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?” (v. 40).
Ejjew nippruvaw nifhmu. Fiex jikkonsisti n-nuqqas ta’ fidi tad-dixxipli, li jistona tant mal-fiduċja li għandu Ġesù? Huma ma kinux waqfu milli jemmnu fih, fil-fatt jitolbuh l-għajnuna. Imma ejja naraw ftit kif jitolbuh: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?” (v. 38). Qisu mhu xejn għalik: jaħsbu li Ġesù ma jimpurtahx minnhom, li mhux jieħu ħsiebhom. Fostna, fil-familji tagħna, waħda mill-aktar affarijiet li jweġġgħuna hi meta nisimgħu min jgħidilna: “Ma jimpurtakx minni?”. Hija frażi li tweġġa’ u tqanqal tempesti sħaħ fil-qalb. Anki lil Ġesù dejqitu. Għax m’hemm ħadd iżjed minnu li jimpurtah daqshekk minna. Fil-fatt, meta sejħulu, salva lid-dixxipli tiegħu li kienu qalbhom maqtugħa.
It-tempesta tikxef il-vulnerabbiltà tagħna u dawk iċ-ċertezzi foloz u tal-qoxra li bihom bnejna l-aġendi tagħna, il-proġetti tagħna, id-drawwiet u l-prijoritajiet tagħna. Turina kif ħallejna jorqod u warrabna għall-ġenb dak li jagħti l-ħajja, iwieżen u jqawwi lil ħajjitna u l-komunità tagħna. It-tempesta tikxef il-fehmiet kollha tagħna li “ngeżwru” u ninsew dak li żamm ħajja r-ruħ tal-popli tagħna; dawk it-tentattivi kollha li ppruvaw jilluppjawna bi drawwiet li minn barra jidhru li jistgħu “jsalvaw”, imma li m’għandhomx ħila jżommuna marbuta mal-għeruq tagħna u jqanqlu l-memorja tal-anzjani tagħna, għax ċaħħduna mill-immunità meħtieġa biex nieqfu sodi f’wiċċ il-kuntrarju.
Bit-tempesta, waqgħet il-maskra tal-isterjotipi li biha għattejna l-“jien” tagħna dejjem ħsiebu kif ħa jidher; u baqgħet mikxufa, għal darb’oħra, dik l-(imbierka) appartenenza komuni li ma nistgħux naħarbu minnha: l-appartenenza bħala aħwa ta’ xulxin.
“Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”. Mulej, il-Kelma tiegħek illejla tolqotna u għandha x’taqsam sew magħna, ilkoll kemm aħna. F’din id-dinja tagħna, li inti tħobb iżjed minna, aħna ġrejna bil-ħeffa kollha, ħassejna ruħna b’saħħitna u nifilħu għal kollox. B’kilba għall-gwadann, ħallejna ħajjitna tinxtorob mill-affarijiet waqt li l-għaġla fixlitna. Ma waqafniex meta smajna s-sejħat tiegħek, ma ġejniex f’sensina quddiem il-gwerer u l-inġustizzji ta’ din l-art, ma tajniex widen għall-karba tal-foqra, u tal-pjaneta tagħna marida serjament. Bqajna għaddejjin qisu xejn mhu xejn, għax ħsibna li mqar f’dinja marida aħna ħa nibqgħu dejjem f’saħħitna. Issa, meta qegħdin f’baħar imqalleb, nitolbuk: “Qum, Mulej!”.
“Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”. Mulej, int qed tagħmlilna sejħa, sejħa għall-fidi. Li mhix daqstant nemmnux li int teżisti, imma li niġu għandek u nafdaw fik. F’dan ir-Randan tidwi s-sejħa urġenti tiegħek: “Indmu”, “erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha” (Ġoel 2:12). Issejħilna biex nilqgħu dan iż-żmien ta’ tiġrib bħala żmien ta’ għażla. Mhuwiex iż-żmien tal-ġudizzju tiegħek, imma tal-ġudizzju tagħna: iż-żmien li nagħżlu x’inhu li jiswa u x’inhu li jgħaddi, li nagħżlu bejn dak li hu meħtieġ u dak li mhuwiex. Huwa ż-żmien li nerġgħu nindirizzaw ir-rotta ta’ ħajjitna lejk, Mulej, u lejn l-oħrajn. U nistgħu nħarsu lejn l-eżempju ta’ tant sħabna fil-vjaġġ, li, fil-biża’, irreaġixxew billi taw ħajjithom stess. Hija l-qawwa ħawtiela tal-Ispirtu msawba u magħġuna f’għotjiet kuraġġjużi u ġenerużi. Hija l-ħajja tal-Ispirtu li kapaċi tifdi, tagħti valur u turi kif il-ħajja tagħna hi minsuġa u mwieżna minn persuni komuni – is-soltu minsija – li ma jidhrux fit-titli tal-ġurnali u tar-rivisti u lanqas fuq il-palkijiet tal-isfilati kbar tal-aħħar shows imma, bla dubju ta’ xejn, illum qegħdin jiktbu l-ġrajjiet deċiżivi tal-istorja tagħna: tobba, infermiera, ħaddiema fis-supermarkets, dawk li jieħdu ħsieb it-tindif, dawk li jduru bil-morda, il-bdoti tal-merkanzija, il-forzi tal-ordni, voluntiera, saċerdoti, reliġjużi u tant u tant oħrajn li fehmu li ħadd ma jista’ jsalva waħdu. Quddiem it-tbatija, fejn jitkejjel il-veru żvilupp tal-popli tagħna, niskopru u ngħixu t-talba saċerdotali ta’ Ġesù: “biex ikunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21). Kemm persuni ta’ kuljum iħaddmu s-sabar u jxerrdu t-tama, u jaraw li ma jiżirgħux paniku imma korresponsabbiltà. Kemm missirijiet, ommijiet, nanniet, għalliema juru lil uliedna, b’ġesti ċkejkna u ta’ kuljum, kif għandhom jaffrontaw u jgħixu kriżi billi jaddattaw id-drawwiet tagħhom, jerfgħu ħarsithom u jħeġġu fit-talb. Kemm persuni jitolbu, joffru u jinterċedu għall-ġid ta’ kulħadd. It-talb u l-qadi fis-skiet: dawn huma l-armi rebbieħa tagħna.
“Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”. Il-fidi tibda meta nagħrfu li aħna fil-bżonn ta’ salvazzjoni. Waħidna ma nistgħux nagħmlu kollox, waħidna negħrqu: għandna bżonn tal-Mulej bħalma l-baħħara antiki kellhom bżonn tal-kwiekeb. Nistiednu lil Ġesù fid-dgħajjes ta’ ħajjitna. Ngħaddulu l-biżgħat tagħna, biex jegħlibhom hu għalina. Bħad-dixxipli nagħmlu l-esperjenza li, bih magħna fid-dgħajsa, xejn ma jgħarraqna. Għax din hija l-qawwa ta’ Alla: kapaċi jibdel f’tajjeb dak kollu li jiġrilna, imqar il-ħwejjeġ koroh. Huwa jikkalma l-irwiefen tagħna, għax ma’ Alla l-ħajja ma tmut qatt.
Il-Mulej qed jisfidana u, qalb it-tempesta tagħna, jistedinna nqumu u nħaddmu s-solidarjetà u t-tama li kapaċi jimlew bil-qawwa, kapaċi jwieżnu u jagħtu tifsira lil dawn is-sigħat li fihom kollox jidher qed jegħreq. Il-Mulej iqum biex iqajjem u jagħti ħajja ġdida lill-fidi tagħna fl-Għid tiegħu. Għandna ankra: bis-salib tiegħu ġejna salvati. Għandna tmun: bis-salib tiegħu ġejja mifdija. Għandna tama: bis-salib tiegħu ġejna mfejqa u mħaddna biex xejn u ħadd ma jifridna mill-imħabba feddejja tiegħu. Qalb dan l-iżolament li fih qed inġarrbu n-nuqqas tal-ġesti ta’ mħabba u tal-laqgħat tagħna, qed induqu n-nuqqas ta’ tant affarijiet, ejjew nisimgħu mill-ġdid għal darb’oħra l-aħbar li ssalvana: huwa qam u jgħix magħna. Minn fuq is-salib tiegħu l-Mulej jisfidana biex nerġgħu nsibu l-ħajja li qed tistenniena, biex inħarsu lejn dawk li qed jitolbuna, biex inqawwu, nagħrfu u nseddqu l-grazzja li tgħammar fina. Ejjew ma nitfux il-musbieħ inemnem (ara Iż 42:3), li qatt ma ‘jimrad’, u nħalluh jerġa’ jkebbes fina t-tama.
Li nħaddnu s-salib tiegħu jfisser insibu l-kuraġġ li ngħannqu magħna t-tbatija kollha ta’ bħalissa, inwarrbu ftit għall-ġenb il-kilba tagħna għall-poter u għall-ġid biex nagħmlu wisa’ għal dik il-kreattività li l-Ispirtu waħdu jista’ jqanqal fina. Ifisser insibu l-kuraġġ li niftħu spazji fejn kulħadd jista’ jħossu msejjaħ u nħallu jinbtu għamliet ġodda ta’ ospitalità, ta’ fraternità u ta’ solidarjetà. Bis-salib tiegħu ġejna mifdija biex nilqgħu t-tama u nħallu lilha tqawwi u twieżen il-miżuri u t-toroq kollha possibbli li jistgħu jgħinuna nħarsu ruħna u nħarsu lill-oħrajn. Nitgħannqu mal-Mulej biex inħaddnu t-tama: din hija l-qawwa tal-fidi, li teħles mill-biża’ u trodd it-tama.
“Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”. Għeżież ħuti, minn dan il-post, li jirrakkonta l-fidi ta’ Pietru, samma bħall-blat, illejla nixtieq nafdakom ilkoll lill-Mulej, bl-interċessjoni tal-Madonna, Saħħa tal-poplu tagħha, Kewkba tal-baħar f’tempesta. Minn dan il-kolonnat li jħaddan lil Ruma u lid-dinja kollha ħa tinżel fuqkom, bħal tgħanniqa ta’ wens, il-barka ta’ Alla. Mulej, bierek lid-dinja, agħti saħħa lill-ġisem u faraġ lill-qalb tagħna. Int qed titlobna ma nibżgħux. Imma l-fidi tagħna hi dgħajfa u aħna mbeżżgħin. Imma int, Mulej, titlaqniex f’ħalq it-tempesta. Tennilna għal darb’oħra: “Tibżgħu xejn” (Mt 28:5). U aħna, flimkien ma’ Pietru, “nixħtu fuqek il-ħsibijiet kollha tagħna, għax int taħseb fina” (ara 1 Piet 5:7).
Filwaqt li ħafna mill-parruċċani jinsabu d-dar, jipproteġu lilhom infushom u lil ħaddieħor kontra l-coronavirus, illum fil-Parroċċa bdejna x-xogħol tat-toilets li ser isiru fil-kamra (li snin ilu kienu jsibuha bħala l-kamra tat-tazzi). Inqala’ l-madum biex imbagħad isir ix-xogħol tad-dranaġġ. Sadanittant, tkompli xogħol biex jitpoġġew l-airconditioning fil-knisja li beda l-Ħamis li għadda 12 ta’ Marzu. Illum ukoll bdew jitpoġġew żewġ airconditioning fis-Sala Yvonne u ukoll fiċ-Ċentru taż-żgħażagħ. B’hekk f’din il-ħemda li ġab miegħu l-coronavirus, seta’ jsir dan ix-xogħol mingħajr ma kien skomdu għal ħadd. Hekk issa għandna sitt airconditioning imqassmin mill-artal sal-bieb tal-ġenb imqassmin fil-knisja.