Lura lejn Quddies fil-Parroċċa

Wara tlett xhur sħaħ, fuq orjentazzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-saħħa, l-isqfijiet tagħna waslu għall-konklużjoni prudenti li billi l-imxija qed tiġi kkontrollata b’diversi regoli dixxiplinarji, jistgħu bil-mod il-mod jerġgħu jinfetħu l-knejjes. Dan kien il-pjan kollettiv bejn l-awtoritajiet tal-Knisja u l-awtoritajiet tas-saħħa. U hekk ġara fit-13 u l-14 ta’ Ġunju, festa għażiża tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu (Corpus Christi). Kumbinazzjoni din il-ġurnata! Jew dan kien il-pjan ta’ Alla, li proprju f’din il-festa kbira ta’ qima lejn l-Ewkaristija, Alla jgħajjat lid-dixxipli ta’ Kristu biex, wara din is-sawma ta’ tlett xhur, jerġgħu jduru mal-mejda biex Kristu nnifsu jaqsam magħhom l-istess ġisem tiegħu. Dan kien il-pjan ta’ Alla – Alla li huwa mħabba. Kemm għandna x’nirringrazzjawh talli reġa għajtilna biex isaħħaħ il-fidi u t-tama tagħna fl-imħabba tiegħu. Ejjew nibqgħu nosservaw id-direttivi li qed tagħtina l-Knisja flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa biex issa li qed naqsmu l-Ewkaristija, naslu biex naqsmu wkoll il-ħajja tagħna flimkien bħala vera aħwa w ulied l-istess Missier.

Leave a Reply

Your email address will not be published.