Attivitajiet tal-Aħħar

13.10.2018 4

Dan l-aħħar kellna diversi ċelebrazzjonijiet u attivitajiet fil-Parroċċa tagħna.

Bdejna l-katekiżmu tat-tfal fit-23 ta’ Settembru. katekezi3Din is-sena ġew irreġistrati 130 tifel u tifla li qegħdin imqassmin f’sitt klassijiet, mill-ewwel sena tal-Preċett sas-sitt sena tal-Griżma.  Wara li kulħadd kien f’postu fil-grupp tiegħu saret iċ-ċelebrazzjoni tal-ftuħ uffiċċjali fl-10 ta’ Ottubru.

Fit-13 ta’ Ottubru ċċelebrajna l-Aħħar Dehra tal-Madonna ta’ Fatima.  Din is-sena ġiet iċċelebrata b’mod differenti.  Minflok il-pellegrinaġġ li jsir kull sena mat-triqat tal-Parroċċa, saret ċelebrazzjoni fuq iz-zuntier bir-reċita tar-rużarju akkompanjat bi slidesdehra dwar il-misteri u bil-kant.  Kien mument devot ħafna għax kulħadd seta’ jieħu sehem u jirrifletti bil-kalma.  Wara dħalna fis-Santwarju bl-istatwa tal-Madonna.  It-tfal għamlu preżentazzjoni tal-Aħħar Dehra u wara kellna quddiesa ċċelebrata mill-Kappillan P. Vince Micallef.  Fl-aħħar sellimna l-Madonna bil-kant u tixjir tal-imkatar kif isir kull sena.

Nhar il-Ħadd, 27 ta’ Ottubru, 2019, tmintax-il adolexxent irċevew is-sagrament tal-grizma1Griżma tal-Isqof minn idejn l-Isqof Mons Joseph Galea Curmi fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima, Gwardamanġa. Nitolbu għal dawn l-adolexxenti biex issa mimlijin bl-Ispirtu s-Santu jgħixu l-wegħdiet ta’ dan is-sagrament billi ikunu xhieda ta’ ħajja nisranija fis-soċjeta u jaqdu l-missjoni tagħhom bħala membri tal-Knisja Kattolika.

 

Griżma tal-Isqof

Wara sitt snin ta’ katekiżmu, nhar il-Ħadd, 27 ta’ Ottubru, 2019, tmintax-il adolexxent irċevew is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof minn idejn l-Isqof Mons Joseph Galea Curmi fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima, Gwardamanġa. Nitolbu għal dawn l-adolexxenti biex issa mimlijin bl-Ispirtu s-Santu jgħixu l-wegħdiet ta’ dan is-sagrament billi ikunu xhieda ta’ ħajja nisranija fis-soċjeta u jaqdu l-missjoni tagħhom bħala membri tal-Knisja Kattolika.  Kif dejjem ifakkarna Papa Franġisku, dan is-sagrament mhuwiex iċ-ċertifikat finali tal-ħajja nisranija.  Anzi, huwa l-bidu ta’ missjoni fi ħdan il-Knisja biex inkunu l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja.  Iċ-ċelebrazzjoni tal-għoti ta’ dan is-sagrament mhuwiex il-final imma huwa l-bidu biex issa nużaw id-doni tal-Ispirtu s-Santu għall-ġid tagħna u tal-oħrajn.  Dan il-grupp flimkien ma’ adolexxenti u żgħażagħ oħra huma mistiedna kull nhar ta’ Ħamis fil-5.00pm biex ikomplu l-formazzjoni tagħhom nisranija.

grizma1

Il-Ġimgħa Mqaddsa

VIA SAGRA TAT-TFAL
Fil-05 ta’ April, it-tfal tal-katekizmu mgħejjunin mill-katekisti tagħhom għenuna nirriflettu fuq il-passjoni w il-mewt ta’ Ġesu permezz ta’ Via Sagra sempliċi li għamlu fil-Parroċċa.  Għal din iċ-ċelebrazzjoni ħadu sehem grupp ta’ tfal flimkien mal-ġenituri tagħhom.

20190405_181915

WIRJA “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”: Nhar il-Ħamis, 11 ta’ April, ġiet inawgurata wirja fuq stil barokk ta’ statwi u pitturi li jgħinuna nirrifletti fuq il-ħajja, il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesu Kristu.  Il-wirja tinsab fis-Sala Yvonne fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima, Gwardamanġa / Pieta.  Il-wirja bdiet b’serata fejn P. Reno Muscat OP spjega f’hiex jikkonsisti l-istil barokk u fisser wkoll l-istil tal-mejda tal-aħħar ikla tal-Mulej li hija ċ-ċentru ta’ din il-wirja.  Is-serata ġiet mzewqa b’muzika klassika mtella’ minn George Curmi (il-Pusè) flimkien ma’ ibnu Bernard.  Wara l-wirja ġiet miftuħa u mbierka mill-Eċċ. Tiegħu Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP.

FESTA TAD-DULURI: Nhar il-Ġimgħa, 12 ta’ April, il-Parroċċa tagħna ċċelebrat bħal snin oħra l-festa devozzjonali tad-Duluri.  Barra l-quddies li ġie ċċelebrat kemm fis-Santwarju, kif wkoll fil-knsejjes tad-Duluri u tal-Orsolini, li għalihom pparteċipaw ħafna nies, fis-6.00pm ġiet organizzata wkoll purċissjoni li fiha ingħad bid-devozzjoni r-ruzarju.

 

ĦADD IL-PALM:  Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa bdew bit-tberik tal-palm.  Iltqajna fl-9.45am ħdejn l-Isptar San Luqa u minn hemm imxejna f’pellegrinaġġ animat bil-kant mill-Grupp tan-Neo-Katekumeni sa fuq iz-Zuntier tal-knisja parrokkjali.  Hemm sar it-tberik tal-palm, imbagħad dħalna fil-knisja għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.


ĦAMIS IX-XIRKA:
Din is-sena, f’għaqda mal-Knisja Kattolika universali, il-gest tal-ħasil tar-riġlejn fil-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka kellu t-tifsira tiegħu mat-tema tas-Sena taz-zghazagh. Fl-ittra Appostolika li l-Papa għadu kemm ppubblika jibda billi jgħid: “Kristu jgħix. Hu t-tama tagħna u l-isbaħ żgħożija ta’ din id-dinja. Dak kollu li jmiss isir żagħżugħ, jiġġedded, ifur bil-ħajja. Għalhekk, l-ewwel kelmiet li nixtieq illissen lil kull żagħżugħ Nisrani huma: Hu jgħix u jridek ħaj!”.   Għalhekk din is-sena għażilna bħala rapreżentanti tal-komunita biex jieħdu sehem fil-ħasil tar-riġlejn żgħażagħ: ġuvintur, tfajliet u koppji żgħażagħ.

 

IL-ĠIMGĦA L-KBIRA: Fit-3.00pm, magħqudin mal-Knisja Kattolika universali, iċċelebrajna t-tifkira tal-passjoni l-mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu.  Sar il-qari tal-passjoni, l-adorazzjoni tas-Salib u wara t-tqarbin.

 

 

Randan 2019

Fil-messaġġ tiegħu għar-Randan, il-Papa Franġisku qalilna li r-Randan huwa bidu ġdid fil-ħajja nisranija tagħna.  Hu qalilna: “li  r-Randan huwa mogħdija li twassalna għall-Għid: ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt.”  Nafu li t-tlett ijiem tal-Għid (Ħamis ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid) huma ċelebrazzjonijiet ċentrali fil-ħajja nisranija tagħna għax fihom mhux biss niftakru u nġeddu t-tifkira tal-ħajja, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, imma niċċelebraw fil-preżent il-fidi li rċevejna fil-magħmudija.  Mhux niftakru biss fil-passat, imma nġeddu l-preżent.  U r-Randan u dawn it-tlett ijiem jaslu fil-quċċata tagħhom proprju f’Sibt il-Għid meta aħna, bħala dixxipli ta’ Kristu, inġeddu l-wegħdiet tal-magħmudija tagħna u nqumu, flimkien ma’ Kristu, mill-waqgħa tad-dnub għall-grazzja ta’ Alla l-Missier.

F’dan iz-zmien hija drawwa tal-Knisja ta’ Malta u Għawdex illi jsiru l-ezercizzi spiritwali biex jgħinuna nirriflettu fuq il-ħajja tagħna personali u komunitarja.  Għalhekk tajjeb illi nfittxu li nieħdu sehem f’xi kors ta’ezerċizzi li l-parroċċa toffrilna.

     

Barra mill-ezerċizzi għandna drawwiet oħra bħala kattoliċi li tajjeb li nkomplu għax huma ta’ għajnuna għalina biex niċelebraw dan iz-zmien qaddis tar/Randan li jwassalna biex flimkien ma’ Kristu niċċelebraw il-mewt u l-qawmien tiegħu.  Waħda mid-drawwiet devozzjonali hija l-Via Sacra.

Drawwa oħra hija t-tberik tal-familji.  Għalkemm dan is-sens proprju tiegħu huwa li nbierku l-familji mill-ilma ġdid ta’ Sibt il-Għid, biex inbierku l-djar kollha fil-Parroċċa tagħna nibdew t-tberik qabel l-Għid u nkomplu wara l-Għid.

 

 

 

50 Sena ta’ Ħajja Reliġjuża

Ta’ 17-il sena, Patri Vince Micallef, illum kappillan tal-Parroċċa tagħna, ħalla d-dar tiegħu u l-familja, biex jingħaqad mal-Ordni Dumnikan.  Huwa rċeva l-libsa bajda u sewda fis-17 ta’ Settembru 1967 u beda n-novizzjat fil-kunvent ta’ din l-istess Parroċċa.  Wara sena ta’ prova fin-novizzjat, huwa għamel il-profissjoni tiegħu fit-22 ta’ Settembru 1968, eżatt 50 sena ilu. Il-profissjoni reliġjuża hija r-rabta b’inpenn mal-Ordni Dumnikan.

Biex ifakkar din id-data u jrodd ħajr lil Alla, Patri Vince iċċelebra quddiesa ma’ diversi saċerdoti oħra, flimkien ma’ familjari, qraba, ħbieb u parruċċani fl-istess parroċċa li fiha kien iċċelebra l-profissjoni reliġjuża tiegħu.  Ġie mfakkar ukoll li fi Frar ta’ l-istess sena 1968, il-knisja tal-Madonna ta’ Fatima saret parroċċa.

 

 

Pellegrinaġġ tal-Aħħar Dehra tal-Madonna ta’ Fatima

Biex niċċelebraw l-aħħar Dehra tal-Madonna ta’ Fatima, ġiet organiżżata velja fit-12 ta’ Ottubru 2018, li fiha ġie reċitat rużarju meditat, sar talb speċjali għall-familji permezz tal-konsagrazzjoni lill-Madonna u mbagħad barka sagramentali.  Kien mument b’devozzjoni u qima lejn il-Madonna, omm il-familji.

L-għada, 13 ta’ Ottubru, ġiet iċċelebrata l-Aħħar Dehra tal-Madonna ta’ Fatima.  Għalkemm għaddejna n-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu u parti wara nofsinhar b’qalbna ttertaq minħabba l-maltemp, fis-6.00pm b’fidi qawwija ħallejna l-Madonna tmexxina u għalhekk bdejna l-pellegrinaġġ kif kien pprogrammat.  Imxejna Triq l-Orsolini ngħidu r-rużarju u nkantaw l-Ave ta’ Fatima.  Wasalna fis-Santwarju fejn l-E.T. Mons Isqof awżiljarju Joseph Galea Curmi, wara li akkompanja l-pellegrinaġġ, iċċelebra l-quddiesa ma’ diversi saċerdoti u l-komunita miġbura.  Mal-wasla fis-Santwarju, it-tfal kienu pronti biex jagħtu l-messaġġ tal-Aħħar Dehra b’rappreżentazzjoni sempli u sabiħa.  Wara l-quddiesa, l-Isqof fetaħ u bierek wirja b’vari, pitturi u xbiehat oħra tal-Madonna fis-Sala tal-Parroċċa.

Il-Kappillan, Patri Vince Micallef OP, jirringrazzja lil dawk kollha preżenti.  Ħajr imur ukoll lill-Grupp The Church in Need li għoġbu jakkompanja dawn iċ-ċelebrazzjonijiet flimkien magħna.

 

44 sena ta’ Ħajja Saċerdotali

Kienu 50 djaknu reliġjużi u djoċesani li ġew ordnati saċerdoti mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi fil-Kon-Katedral ta’ San Ġwann, nhar l-20 ta’ Lulju 1974.  Kienet ukoll okkażjoni speċjali għall-Arċisqof li kien qed jiċċelebra 50 sena bħala isqof.

Ta’ kull sena dan il-grupp, jien wieħed minnhom, niċċelebraw l-anniversarju saċerdotali tagħna f’xi knisja parrokkjali.  Din is-sena, ingħaqadna mal-festa ġubilari ta’ 50 sena tas-Santwarju tagħna bħala parroċċa, u ċċelebrajna l-anniversarju tagħna taħt il-ħarsien tal-Madonna ta’ Fatima.  Fostna bħala grupp diġa hemm min qiegħed igawdu l-premju tiegħu fis-sema mal-Ħallieq tagħna.  Dawk illi setgħu ingħaqadna  biex niċċelebraw flimkien il-quddiesa.

Jien nirringrazzja lis-saċerdoti li ċċelebraw miegħi dan il-mument.  Nirringrazzja wkoll lil dawk il-parruċċani li qasmu magħna dan il-mument ta’ radd il-ħajr u ferħ bil-preżenza tagħhom.  Itolbu għalina ħalli nkomplu naqdu din il-missjoni li Alla fdalna f’idejna biex fi Kristu, ma’ Kristu u bi Kristu nwettqu dak li jrid Hu.