Attivitajiet tal-aħħar

Dan l-aħħar kellna diversi ċelebrazzjonijiet u attivitajiet fil-Parroċċa tagħna.

Bdejna l-katekiżmu tat-tfal fit-23 ta’ Settembru.  Din is-sena ġew irreġistrati 130 tifel u tifla li qegħdin imqassmin f’sitt klassijiet, mill-ewwel sena tal-Preċett sas-sitt sena tal-Griżma.  Wara li kulħadd kien f’postu fil-grupp tiegħu saret iċ-ċelebrazzjoni tal-ftuħ uffiċċjali fl-10 ta’ Ottubru.

Fit-13 ta’ Ottubru ċċelebrajna l-Aħħar Dehra tal-Madonna ta’ Fatima.  Din is-sena ġiet iċċelebrata b’mod differenti.  Minflok il-pellegrinaġġ li jsir kull sena mat-triqat tal-Parroċċa, saret ċelebrazzjoni fuq iz-zuntier bir-reċita tar-rużarju akkompanjat bi slides dehra

dwar il-misteri u bil-kant.  Kien mument devot ħafna għax kulħadd seta’ jieħu sehem u jirrifletti bil-kalma.  Wara dħalna fis-Santwarju bl-istatwa tal-Madonna.  It-tfal għamlu preżentazzjoni tal-Aħħar Dehra u wara kellna quddiesa ċċelebrata mill-Kappillan P. Vince Micallef.  Fl-aħħar sellimna l-Madonna bil-kant u tixjir tal-imkatar kif isir kull sena.