Fit-12 ta’ Mejju għalaqna xharejn minmindu kellna nagħlqu l-bibieb tal-knisja parrokkjali u noqgħodu fil-kunvent. Madanakollu, fit-13 ta’ Mejju ma stajniex ma nagħmlu xejn biex infakkru l-Ewwel Dehra tal-Madonna. Tlett snin ilu ċċelebrajna din il-ġurnata bil-kbir għaliex fakkarna l-mitt sena mill-Ewwel Dehra (1917-2017). Iżda din is-sena tħassar kollox. Il-pellegrinaġġ ma sarx u dan għal żewġ raġunijiet. L-ewwelnett minħabba l-corona-virus, u t-tieni għaliex ix-xogħlijiet ta’ Triq Santa Monika li bdew fi Frar għadhom mhumiex lesti. Jiġifieri anki kieku ma hawnx il-problema tal-COVID-19, xorta ma konniex inkunu nistgħu noħorġu fit-triq. Imma minkejja dan kollu l-parruċċani ma baqgħux b’xejn. Filgħodu, fil-11.00, ġiet mxandra quddiesa permess tal-facebook tal-Grupp Kristu Rebbieħ li Vince Marshall imexxi. Qaddes il-kappillan u kkonċelebraw miegħu P. Ivan Attard u P. Danjel Bonello. Mexxa l-kant Fra Ryan
u daqq l-orgni Reuben Mifsud. Qraw il-qari tal-quddies Sylvia Marshall u Saviour Friggieri. Dan sar bil-knisja magħluqa għan-nies. Wara l-quddiesa rreċitajna l-kurunella tal-Madonna u wara l-kappillan ta il-barka sagramentali minn fuq iz-zuntier lill-parruċċani kollha. Filgħaxija, imbagħad, għamilna l-istess ħaġa imma din id-darba b’xandira diretta minn fuq it-TV XEJK fis-6.30pm. Iċċelebrajna l-quddiesa bħala komunita dumnikana, filwaqt li Fra Ryan għen il-quddiesa, u l-kant kien immexxi mill-Grupp tal-kitarri: Lara Friggieri, Saralina Savo u Graziella Vella. Il-qari sar minn Saviour Friggieri u Graziella Vella. Fi tmien il-quddiesa rreċitajta l-kurunella quddiem il-Madonna pelegrina, saret il-konsagrazzjoni lill-Madonna u barka sagramentali. B’hekk il-festa tad-dehra saret xorta b’mod differenti. Il-feedback li kellu l-kappillan minn parruċċani kien ta’ tifħir. Nittamaw li għall-aħħar dehra f’Ottubru jerġa’ kollox għan-normal.