04 ta’ April, festa tad-Duluri: Din is-sena din il-festa tant devota u popolari fostna l-Maltin, li kull sena timla l-knejjes għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddies u timla wkoll t-triqat ta’ diversi parroċċi fil-mument tal-purċissjoni, ġiet iċċelebrata b’mod differenti. Billi l-knejjes kienu magħluqa minħabba l-COVID 19, il-kappillan flimkien mal-komunita dumnikana qaddsu ġewwa. Imma ma qaddsux għalihom bħalma għamlu u qed jagħmlu f’dawn il-ġranet. Fil-11.00am qaddsu fil-knisja bil-bibien magħluqa u ċ-ċelebrazzjoni ġiet trasmessa fuq facebook tal-Grupp Kristu Rebbieħ. Din l-opportunita ppermittiet li ningħaqdu mal-parruċċani u nies oħra, anki maltin barra minn Malta. Fi tmiem il-quddiesa l-kappillan ta l-barka sagramentali fil-knisja u mbagħad mar fil-bieb tal-knisja li nfetah għal dak il-mument biex jagħti l-barka lill-parruċċani. Kien mument speċjali u emozzjonali.