Dan l-aħħar kellna diversi ċelebrazzjonijiet u attivitajiet fil-Parroċċa tagħna.
Bdejna l-katekiżmu tat-tfal fit-23 ta’ Settembru. Din is-sena ġew irreġistrati 130 tifel u tifla li qegħdin imqassmin f’sitt klassijiet, mill-ewwel sena tal-Preċett sas-sitt sena tal-Griżma. Wara li kulħadd kien f’postu fil-grupp tiegħu saret iċ-ċelebrazzjoni tal-ftuħ uffiċċjali fl-10 ta’ Ottubru.
Fit-13 ta’ Ottubru ċċelebrajna l-Aħħar Dehra tal-Madonna ta’ Fatima. Din is-sena ġiet iċċelebrata b’mod differenti. Minflok il-pellegrinaġġ li jsir kull sena mat-triqat tal-Parroċċa, saret ċelebrazzjoni fuq iz-zuntier bir-reċita tar-rużarju akkompanjat bi slides dwar il-misteri u bil-kant. Kien mument devot ħafna għax kulħadd seta’ jieħu sehem u jirrifletti bil-kalma. Wara dħalna fis-Santwarju bl-istatwa tal-Madonna. It-tfal għamlu preżentazzjoni tal-Aħħar Dehra u wara kellna quddiesa ċċelebrata mill-Kappillan P. Vince Micallef. Fl-aħħar sellimna l-Madonna bil-kant u tixjir tal-imkatar kif isir kull sena.
Nhar il-Ħadd, 27 ta’ Ottubru, 2019, tmintax-il adolexxent irċevew is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof minn idejn l-Isqof Mons Joseph Galea Curmi fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima, Gwardamanġa. Nitolbu għal dawn l-adolexxenti biex issa mimlijin bl-Ispirtu s-Santu jgħixu l-wegħdiet ta’ dan is-sagrament billi ikunu xhieda ta’ ħajja nisranija fis-soċjeta u jaqdu l-missjoni tagħhom bħala membri tal-Knisja Kattolika.