2020

MARZU

Coronavirus: Intbagħtet din iċ-ċirkulari mill-Curia fid-9 ta’ Marzu:

Talb għall-Ħarsien tas-Saħħa

Nixtiequ nħeġġukom biex nitolbu ħalli naqilgħu mingħand Alla l-grazzja tas-saħħa fir-ruħ u fil-ġisem u biex titrażżan u titwaqqaf il-Coronavirus Covid-19 fid-dinja. Nitolbu għal dawk kollha milquta u għal dawk kollha li qegħdin joffru s-servizzi tagħhom u jieħdu deċiżjonijiet b’risq is-saħħa.

Għalhekk, l-adorazzjoni li ssir fil-parroċċa jew il-Ħamis 12 jew il-Ġimgħa 13 ta’ Marzu 2020 kif ukoll ir-reċita tar-Rużarju għandhom isiru għal din l-intenzjoni. Inħeġġu wkoll lill-familja li titlob it-talba tar-Rużarju flimkien.

Miżura ġdida mitluba mill-awtoritajiet tas-saħħa hi li ma jkunx hemm ilma mbierek fil-fonti tal-ilma mbierek fil-knejjes. Għalhekk għandu jitneħħa l-ilma mbierek mill-fonti.

Coronavirus: Tħabbar l-ewwel każ tal-Coronavirus hawn Malta.  Għalhekk wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa, illum 12 ta’ Marzu, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, qegħdin iwaqqfu l-funzjonijiet reliġjużi kollha, inkluż il-Quddies ta’ kuljum u ta’ nhar ta’ Ħadd, u l-katekeżi tat-tfal, fl-Arċidjocesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex. Għalhekk, l-Isqfijiet qegħdin jagħtu lill-Insara dispensa mill-obbligu tal-Quddies ta’ nhar ta’ Ħadd. Din il-miżura ta’ prekawzjoni tidħol fis-seħħ b’effett immedjat u qed tittieħed għall-ġid komuni u biex jiġu mħarsa b’mod speċjali dawk l-aktar vulnerabbli. F’każ ta’ funeral, is-saċerdot ser imexxi r-rit tat-tberik tal-fdalijiet fiċ-ċimiterju, peress li dan huwa post fil-miftuħ, fil-preżenza tal-qraba l-aktar stretti. Is-saċerdot imbagħad, fil-privat, joffri Quddiesa b’suffraġju għal ruħ il-mejjet. Il-knejjes ser ikunu miftuħin fil-ħinijiet tas-soltu għal mumenti ta’ talb privat. Dawn il-miżuri jibqgħu fis-seħħ sakemm jingħata avviż ieħor.

Aħna, flimkien mal-parroċċi kollha ta’ Malta, għalaqna l-knisja parrokkjali, l-knisja tad-Duluri u tal-Orsolini, skont it-direttivi tal-isqfijiet li daħlu b’effett immedjat illum stess, il-Ħamis 12 ta’ Marzu.  Il-komunita tagħna tal-patrijiet ġiet avżata u għalhekk minn għada ninbew nikkonċelebraw fil-kappella tal-kunvent mingħajr il-preżenza ta’ nies oħra.  Ġew dispensati wkoll il-laqgħat tal-ketekiżmu tat-tfal u kull attivita pastorali oħra kemm fil-limiti tal-parroċċa kif ukoll barra l-parroċċa.

Leave a Reply

Your email address will not be published.