Fil-messaġġ tiegħu għar-Randan, il-Papa Franġisku qalilna li r-Randan huwa bidu ġdid fil-ħajja nisranija tagħna. Hu qalilna: “li r-Randan huwa mogħdija li twassalna għall-Għid: ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt.” Nafu li t-tlett ijiem tal-Għid (Ħamis ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid) huma ċelebrazzjonijiet ċentrali fil-ħajja nisranija tagħna għax fihom mhux biss niftakru u nġeddu t-tifkira tal-ħajja, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, imma niċċelebraw fil-preżent il-fidi li rċevejna fil-magħmudija. Mhux niftakru biss fil-passat, imma nġeddu l-preżent. U r-Randan u dawn it-tlett ijiem jaslu fil-quċċata tagħhom proprju f’Sibt il-Għid meta aħna, bħala dixxipli ta’ Kristu, inġeddu l-wegħdiet tal-magħmudija tagħna u nqumu, flimkien ma’ Kristu, mill-waqgħa tad-dnub għall-grazzja ta’ Alla l-Missier.
F’dan iz-zmien hija drawwa tal-Knisja ta’ Malta u Għawdex illi jsiru l-ezercizzi spiritwali biex jgħinuna nirriflettu fuq il-ħajja tagħna personali u komunitarja. Għalhekk tajjeb illi nfittxu li nieħdu sehem f’xi kors ta’ezerċizzi li l-parroċċa toffrilna.
Barra mill-ezerċizzi għandna drawwiet oħra bħala kattoliċi li tajjeb li nkomplu għax huma ta’ għajnuna għalina biex niċelebraw dan iz-zmien qaddis tar/Randan li jwassalna biex flimkien ma’ Kristu niċċelebraw il-mewt u l-qawmien tiegħu. Waħda mid-drawwiet devozzjonali hija l-Via Sacra.
Drawwa oħra hija t-tberik tal-familji. Għalkemm dan is-sens proprju tiegħu huwa li nbierku l-familji mill-ilma ġdid ta’ Sibt il-Għid, biex inbierku l-djar kollha fil-Parroċċa tagħna nibdew t-tberik qabel l-Għid u nkomplu wara l-Għid.