Ta’ 17-il sena, Patri Vince Micallef, illum kappillan tal-Parroċċa tagħna, ħalla d-dar tiegħu u l-familja, biex jingħaqad mal-Ordni Dumnikan. Huwa rċeva l-libsa bajda u sewda fis-17 ta’ Settembru 1967 u beda n-novizzjat fil-kunvent ta’ din l-istess Parroċċa. Wara sena ta’ prova fin-novizzjat, huwa għamel il-profissjoni tiegħu fit-22 ta’ Settembru 1968, eżatt 50 sena ilu. Il-profissjoni reliġjuża hija r-rabta b’inpenn mal-Ordni Dumnikan.
Biex ifakkar din id-data u jrodd ħajr lil Alla, Patri Vince iċċelebra quddiesa ma’ diversi saċerdoti oħra, flimkien ma’ familjari, qraba, ħbieb u parruċċani fl-istess parroċċa li fiha kien iċċelebra l-profissjoni reliġjuża tiegħu. Ġie mfakkar ukoll li fi Frar ta’ l-istess sena 1968, il-knisja tal-Madonna ta’ Fatima saret parroċċa.