Pellegrinaġġ tal-Aħħar Dehra tal-Madonna ta’ Fatima

Biex niċċelebraw l-aħħar Dehra tal-Madonna ta’ Fatima, ġiet organiżżata velja fit-12 ta’ Ottubru 2018, li fiha ġie reċitat rużarju meditat, sar talb speċjali għall-familji permezz tal-konsagrazzjoni lill-Madonna u mbagħad barka sagramentali.  Kien mument b’devozzjoni u qima lejn il-Madonna, omm il-familji.

L-għada, 13 ta’ Ottubru, ġiet iċċelebrata l-Aħħar Dehra tal-Madonna ta’ Fatima.  Għalkemm għaddejna n-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu u parti wara nofsinhar b’qalbna ttertaq minħabba l-maltemp, fis-6.00pm b’fidi qawwija ħallejna l-Madonna tmexxina u għalhekk bdejna l-pellegrinaġġ kif kien pprogrammat.  Imxejna Triq l-Orsolini ngħidu r-rużarju u nkantaw l-Ave ta’ Fatima.  Wasalna fis-Santwarju fejn l-E.T. Mons Isqof awżiljarju Joseph Galea Curmi, wara li akkompanja l-pellegrinaġġ, iċċelebra l-quddiesa ma’ diversi saċerdoti u l-komunita miġbura.  Mal-wasla fis-Santwarju, it-tfal kienu pronti biex jagħtu l-messaġġ tal-Aħħar Dehra b’rappreżentazzjoni sempli u sabiħa.  Wara l-quddiesa, l-Isqof fetaħ u bierek wirja b’vari, pitturi u xbiehat oħra tal-Madonna fis-Sala tal-Parroċċa.

Il-Kappillan, Patri Vince Micallef OP, jirringrazzja lil dawk kollha preżenti.  Ħajr imur ukoll lill-Grupp The Church in Need li għoġbu jakkompanja dawn iċ-ċelebrazzjonijiet flimkien magħna.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published.