Il-ġrajja li permezz tagħha ssawret il-Parroċċa li nafu llum
Twaqqif u bidu
L-ewwel ħsieb li d-Dumnikani jkollhom preżenza fil-Gwardamanġa jeħodna għas-sena 1944. Hawnhekk se nagħtu biss ħjiel qasir ta’ l-istorja biex wieħed ikollu ideja. Għal aktar detalji tajjeb li taqra l-ktieb “Pietà – Gwardamanġa: il-baħar, il-ħniena, is-sliem” ta’ P. Mark Montebello, 2008, Union Print Co. Ltd., Malta, li minnu qed jittieħdu dawn il-ftit dettalji.
Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-kunventi tad-Dumnikani tar-Rabat u tal-Belt Valletta ma kinux intlaqtu mill-bombi, imma ta’ Tas-Sliema u tal-Birgu (bil-knisja b’kollox) kienu nqerdu totalment. Dan wassal lid-Dumnikani biex jaħsbu li jiftħu dar oħra fil-gżira ta’ Malta ħalli jkollhom fejn joqogħdu, iżda barraminhekk il-Provinċja Dumnikana kienet diġa qed tħoss il-ħtieġa li tkompli tifrex il-membri tagħha f’inħawi oħra f’pajjiżna għax-xandir tal-Kelma ta’ Alla fost il-Maltin. Hekk għal diversi raġunijiet għajnejn P. Ġużepp Gauci, il-provinċjal ta’ dak il-żmien, waqgħu fuq il-Pietà-Gwardamanġa.
Qabel il-bini tal-knisja u l-kunvent, u wara tfittix bir-reqqa mill-Provinċjal u l-permess meħtieġ mill-Arċisqof Mikiel Gonzi, instabet dar addattata biex mill-inqas tlett dumnikani jibdew jgħammru fiha. Hekk fil-5 ta’ Ottubru ta’ l-1945, id-dumnikani meddew riġlejhom fil-Pietà-Gwardamanġa għall-ewwel darba, fi Triq Hookham Frere, numru 39. Mill-ewwel il-patrijiet għamlu kappella ġod-dar li kienet tesa’ madwar 150 persuna. Iżda dan ma kienx biżżejjed. L-ewwel ħaġa li ħasbu għaliha l-patrijiet kienet li jiffurmaw il-Lajċi Dumnikani li jagħmlu parti mill-Familja Dumnikana ħalli jissieħbu magħhom f’din il-missjoni ġdida .
Il-ħtieġa li jinbnew knisja u kunvent aktar bdiet tikber għax ix-xogħol pastorali kien dejjem qed jiżdied u jorganiżża ruħu. Għalhekk, fl-1948 inxtrat l-art għall-bini tal-knisja u l-kunvent. F’dan l-istess żmien ġie maħtur provinċjal ġdid, P. Esmond Louis Klimeck minn New Zealand, devot kbir tal-Madonna ta’ Fatima, li daħal b’ruħu u ġismu u b’dedikazzjoni kbira għal dan il-bini.
Fil-fatt fit-8 ta’ Settembru ta’ l-1953 saret ċerimonja simbolika tal-bidu tal-bini tas-santwarju fejn tpoġġa salib, u x-xogħol beda fl-aħħar ġimgħat tas-sena. Imbagħad, wara li tlesta l-pedament, fit-28 ta’ Marzu ta’ l-1954, festa tal-Lunzjata, tqegħdet l-ewwel ġebla tas-santwarju u li għaliha ġew mistiedna l-Arċisqof Mikiel
Gonzi u l-Prim Imħallef, Sir Lewis Camilleri. Għad kbir ta’ nies kienu preżenti, fosthom dumnikani, kleru djoċesan, reliġjużi nisa u rġiel ta’ diversi ordnijiet, tfal ta’ l-iskejjel, Legion of Mary, Terzjarji, membri tal-MUSEUM, u anki suldati. Ġew magħżula uffiċjalment żewġ parrinijiet, Carlo Sant Fournier u Luke Gauci, li kienu żewġ benefetturi ewlenin tal-proġett. Fit-8 ta’ Diċembru, jum il-Kunċizzjoni, minkejja li l-bini tal-knisja kien għadu ġebel u saqaf u mneżża minn kollox, ġiet iċċelebrata l-ewwel quddiesa u sar it-tberik tal-knisja mill-istess Provinċjal P. Klimeck.
Qabel ma P. Klimeck spiċċa minn provinċjal, waslet l-istatwa sabiħa tal-Madonna ta’ Fatima li sal-ġurnata ta’ llum għada tilqa’ minn fuq il-presbiterju lil kull min jidħol fil-knisja. Ġiet mill-Portugal u tbierket fis-27 ta’ April ta’ 1956 mill-Arċisqof Gonzi. L-għada, fit-28, sar it-tberik u l-inawgurazzjoni tal-kunvent il-ġdid mill-istess Arċisqof. Id-devozzjoni lejn l-Madonna ta’ Fátima baqgħet tikber u ħafna drabi saru pellegrinaġġi minn diversi parroċċi Maltin u Għawdxin.
Kappillani li mexxew il-Parroċċa
Kien imbagħad fil-bidu ta’ Diċembru ta’ l-1967 meta l-Arċisqof Gonzi, minħabba li ħass li għandu jkabbar il-kura ta’ l-erwieħ fil-parroċċa ta’ l-Imsida, iddeċieda li joħloq il-parroċċa tad-Dumnikani fil-Pietà-Gwardamanġa. L-inawgurazzjoni tal-parroċċa l-ġdida u l-pussess ta’ l-ewwel kappillan, P. Viċenz Portelli, ġew iċċelebrati fit-12 ta’ Mejju ta’ l-1968. Il-missjoni ġdida ta’ P. Viċens kienet li joħloq identità tal-parruċċani ġodda magħquda mad-devozzjoni marjana. Naturalment il-kappillan beda wkoll jorganizza diversi gruppi pastorali. Fi żmienu bdiet issir il-festa parrokkjali bil-puċissjoni taħt forma ta’ pellegrinaġġ nazzjonali. P. Viċens Portelli dam kappillan sa l-1981 (13-il sena)
It-tieni kappillan, P. Ġorġ Frendo – illum Arċisqof f’Tirana l-Albanija – ħa l-pussess fit-13 ta’ Ġunju 1981. P. Ġorġ organiżża l-parroċċa b’mod strutturali, fejn barra l-kunsill parrokkjali nħolqu diversi kummissjonijiet fosthom dawk tal-kateketika, il-liturġija, iż-żgħażagħ u l-familja. Ġie wkoll iffurmat grupp ta’ bniet pré-adolexxenti msejjaħ “Imeldini”. Fl-1982, P. Ġorġ beda l-bini ta’ Ċentru Parrokkjali. Huwa, li dam 8 snin kappillan, spiċċa fl-1989, meta ġie maħtur Provinċjal tad-Dumnikani Maltin.
Fl-1989 il-parroċċa kellha t-tielet kappillan, P. Pawl Cremona, illum Arċisqof emeritu ta’ Malta, li ħa l-pussess fis-7 ta’ Ottubru. Waħda mill-karatteristiċi ta’ P. Pawl, li għada ħajja fih anki bħala arċiisqof, kienet il-faċilità tal-kuntatt personali li kellu ma’ kulħadd, speċjalment mal-morda. Kien P. Pawl li qasam il-parroċċa f’sitt żoni jew komunitajiet żonali li dawn ħadu l-ismijiet ta’ S. Wistin, Duluri, S. Duminku, S. Luqa, Fatima u Pietà. Kif kien jinsisti hu “żona” tfisser parti mill-parroċċa u mhux grupp għar-rasu. Anzi, biex nużaw l-istess kliem tiegħu l-parroċċa saret komunità ta’ komunitajiet. B’dan il-mod organiżżat il-kappillan u dawk kollha li kienu jaħdmu miegħu setgħu jilħqu aktar lill-parruċċani f’dak li hu tagħlim, xogħol pastorali u administrazzjoni tas-sagramenti. P.Pawl spiċċa l-kariga tiegħu bħala kappillan fl-1993 (4 snin) għaliex ġie magħżul mill-Provinċja biex jieħu ħsieb in-novizzi bħala surmast.
Ir-raba’ kappillan tal-parroċċa tagħna kien P. Pawl Gatt li okkupa din il-kariga mill-1993 sa l-1997. P. Pawl kompla saħħaħ l-istruttura tal-parroċċa f’dawk li huma kummissjonijiet u għaqdiet. Fl-1997 hu ġie magħżul kappillan tal-Parroċċa tal-Port Salvu (aktar magħrufa bħala San Duminku) fil-Belt Valletta.
P. Gwann Frendo ma kienx wiċċ ġdid għall-komunita tagħna għaliex kien diġa għex f’din il-komunita li tagħha kien Pirjol. P. Ġwann daħal għall-ħidma tiegħu ta’ Kappillan b’entużjażmu kbir, fit-22 ta’ Settembru, 1997. Kellu karattru ferrieħi li kien iġiegħel lil kulħadd iħossu komdu. Bin-natural tiegħu ġibed lura lejn il-Knisja nies li għal diversi raġunijiet kienu jħossuhom li ma jappartjenux lejn din il-komunita. Għalih kull funzjoni kienet festa u ċelebrazzjoni. Pero l-ħidma tiegħu fostna ma kellhiex ittul ħafna għaliex fix-xewqa u ż-żelu li kellu li jara li l-ħidma missjunarja li l-Provincja Dumnikana Maltija kienet għadha kemm fetħet ftit qabel u li hu kien diġa fforma parti minnha, irriżenja minn Kappillan 9 xhur wara biex mar jagħmel ħidma missjunarja f’Durres l-Albanija u fejn minn hemm mar lura fi ħdan il-Missier fl-1 ta ‘Jannar, 2003.
Wara P. Ġwann Frendo ġie magħżul bħala s-sitt kappillan tal-parroċċa P. Joseph Bonnici. Danukoll kien diġa membru fil-komunita Dumnikana ta’ din il-parroċċa u l-preżenza tiegħu hawn ma kenitx ġdida. Hu ħa l-pussess fit-30 ta’ Settembru, 1998, u dam kappillan sal-2001. P. Joe kien għadu ġej minn esperjenza ta’ sentejn fil-missjoni tal-Albanija. Bħala kappillan li dam tlett snin huwa baqa’ miexi fuq il-passi pastorali tal-kappillani ta’ qablu.
P. Michael Camilleri huwa s-seba’ kappillan tal-Parroċċa tagħna. Huwa ħa l-pussess fis-27 ta’ Ottubru 2001. Huwa twieled fil-parroċċa tagħna u ordna saċerdot fl-1994. Huwa kompla jibni fuq ix-xogħol pastorali li wettqu l-kappillani ta’ qablu u ta mportanza akbar lejn il-qima lil Ġesu Sagrament permezz ta’ l-adorazzjoni ta’ nhar ta’ Ħamis. F’dak li għandu x’jaqsam mal-bini tas-Santwarju huwa għamel ħafna tibdil biex isebbaħ dejjem il-knisja, fosthom artal ġdid, is-sedja taċ-ċelebrant u kappella żgħira fit-triq b’Ġesu Sagramentat espost lejl u nhar. F’Novembru tas-sena 2013 huwa ġie ittrasferit għall-Parroċċa tal-Portu Salvu u San Duminku fil-Belt Valletta.
Wara 32 sena missjunarju fil-Brażil, Patri Vince Micallef ġie jaħdem fil-parroċċa tagħna f’Mejju 2010 u ftit xhur wara rċeva l-kariga ta’ viċi-kappillan. Fil-Brażil huwa wettaq l-kariga ta’ kappillan f’erba’ parroċċi, surmast tan-novizzi u studenti tal-filosofija u tat-tejoloġija, u mis-sena 2006 sal-2009 provinċjal tal-Provinċja Dumnikana Brażiljana. Huwa ħa l-pussess bħala it-tmien kappillan ta’ din il-Parroċċa fil-11 ta’ Diċembru 2014. Bla dubju ta’ xejn huwa beda juża’ u jpoġġi fil-pratika l-esperjenza pastorali li akkwista mill-Knisja Brażiljana. Wara l-kapitlu Provinċjali tad-Dumnikani, li sar bejn id-09 u t-30 ta’ Ġunju 2017, Patri Vince reġa’ rċeva l-kariga ta’ kappillan fostna għall-erba’ snin oħra.
Nawgurawlu missjoni fejjieda.
GET IN TOUCH
Diane is always available for side collaborations and talks worldwide. If you want to chat about design, books, wine, or anything else, don’t hesitate in reaching out.
WRITING:
Lessons from remote interviewing
April 2020
What design mentees need
December 2019
How to foster collaboration
November 2019