IT-TIELET ĦADD TAŻ-ŻMIEN TA’ MATUL IS-SENA B
ĦSIEB TAL-BIDU
Alla, Missier ta’ kulħadd, li jħobb lil kulħadd, ma jrid lil ħadd jintilef. Il-Ktieb ta’ Ġona jurina din il-verità. Permezz ta’ Ġona, Alla jwissi lin-nies biex jindmu. Huma wrew indiema, u Alla ħafrilhom, kif se nisimgħu fl-Ewwel Qari. Hekk ukoll Ġesù, fl-Evanġelju tal-lum, waqt li jħabbar il-miġja tas-Saltna ta’ Alla, iħeġġiġna biex nindmu, u nemmnu fil-messaġġ tiegħu.

TALBA TAL-MAĦFRA
Saċ : Alla bagħat lil Ġona f’Ninwè, il-belt kapitali tal-Assirja, li tirrappreżenta dak li l-Lhud kienu jobogħdu l-aktar. Alla sejjaħ lin-nies ta’ din il-belt għax irid iwassal is-sejħa tiegħu lill-bnedmin kollha kemm huma, huma fejn huma ! Ma hemm ħadd li hu tant imbiegħed, li Alla ma jaħsibx fih biex isejjaħlu. Din hija stedina biex ma niddejqux nitolbu l-ħniena ta’ Alla.
Lett : “Mulej, mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni, għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.” Mulej Ħniena
Lett : Kristu, “ftakar fija int skont tjubitek, minħabba fil-ħlewwa tiegħek għax huma minn dejjem.” Kristu Ħniena
Lett : Mulej, “int twajjeb u sewwa, għalhekk turi t-triq lill-ħatjin, tmexxi l-imsejkna fis-sewwa u tgħallem it-triq tiegħek lill-fqajrin.” Mulej Ħniena
Saċ : Iħenn għalina Alla, li jista’ kollox, jaħfrilna dnubietna u jwassalna għall-hajja ta’ dejjem. Ammen
L-EWWEL QARI Ġona 3, 1-5.10
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġona
Il-kelma tal-Mulej waslet lil Ġona u qallu: “Qum, mur f’Ninwè, il-belt il-kbira, u xandrilha li ngħidlek jien.” U Ġona qam u mar f’Ninwè kif qallu l-Mulej.
Issa Ninwè kienet belt kbira għall-aħħar, trid tlitt ijiem biex timxiha. Ġona, kif daħal il-belt, beda ġurnata mixi, ixandar u jgħid: “Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba !”
In-nies ta’ Ninwè emmnu f’Alla, nedew sawma u libsu l-ixkejjer, mill-kbir saż-żgħir.
U Alla ra x’għamlu, kif reġgħu lura minn triqthom il-ħażina. U Alla raġa’ bdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom, u ma għamlux.
Il-Kelma tal-Mulej
Kulħadd: Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI Salm 24 (25)
R/. Triqatek, Mulej, għarrafni
Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
Għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.
Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej.
Inti tajjeb, Mulej;
ftakar fija skont it-tjieba tiegħek. R/.
Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.
IT-TIENI QARI 1 Kor 7, 29-31
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Dan ngħidilkom, ħuti: iż-żmien qsar. Ħa jkunu, mela, dawk li għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx; dawk li jibku, bħallikieku ma jibkux; dawk li jifirħu, bħallikieu ma jifirħux; dawk li jixtru, bħallikieku ma għandhom xejn; dawk li jgawdu d-dinja, bħallikieku ma jgawduhiex; għax is-sura ta’ din id-dinja għad tgħaddi!
Il-Kelma tal-Mulej
Kulħadd: Irroddu ħajr lil Alla
Hallelujah Mk 1, 15
Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet;
indmu u emmnu fl-Evanġelju.
Hallelujah
L-EVANĠELJU Mk 1, 14-20
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Allau jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju.”
Waqt li kien għaddej ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u ‘l ħuh Indrì qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin.” U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.
Wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu ta’ Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa qegħdin isewwu x-xbiek, u minnufih sejħilhom. U huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti, u marru warajh.
Il-Kelma tal-Mulej
Kulħadd : Tifħir lilek Kristu
TALBA TAL-KOMUNITA
Saċ : In-nies ta’ Ninwè, li semgħu l-kelma ta’ Ġona, jgħallmuna b’liema ħeġġa għandna nduru lejn Alla. Aħna għandna lil xi ħadd li hu akbar minn Ġona. Ġesù daħal fl-istorja ta’ ħajjitna. Hu jixtieq li nisimgħuh. Hu lest li jisma’ t-talbiet tagħna.
Lett : Nitolbu għall-Knisja ta’ Alla biex bil-kuraġġ tkompli xxandar li s-Saltna t’Alla hi qrib tagħna, ħalli l-bnedmin kollha jindmu u jemmnu fil-Bxara t-Tajba. Nitolbu
Lett : Nitolbu għal dawk kollha li huma impenjati b’sejħa għall-evanġelizzazzjoni fil-Knisja, ħalli jirnexxilhom jirbħu l-biża’ u jmorru jħabbru lil Alla fejn jibgħathom hu. Nitolbu
Lett : Nitolbu għall-morda u għall-anzjani li jħossu li ħajjithom qed toqrob lejn it-tmiem, biex jagħmlu l-kuraġġ u jgħixu fil-paċi, għax mhux importanti kemm hi twila ħajjitna, imma li ngħixuha flimkien ma’ Ġesù. Nitolbu
Lett : Nitolbu għalina lkoll, biex bl-eżempju tagħna, fil-ħidma u fil-mistrieħ, fir-risq tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa, inxandru kontinwament kemm hi kbira l-imħabba li Alla għandu għalina. Nitolbu
Lett : Nitolbu għal …NN… u għal dawk kollha li mietu fit-tama li Alla jagħtihom il-premju li ħejja għalihom sa mill-bidu tad-dinja. Nitolbu
Saċ : O Alla, int ma tħarisx lejn il-ħtijiet tagħna u ma tħallasniex kif jistħoqqilna. Int tħares lejna bħala wlied li tixtieqhom ikunu ħdejk dejjem. Għalhekk isma’ t-talbiet tagħna u agħmel li nikkonvertu dejjem lejk, għax int biss tista’ tagħtina l-ferħ u l-paċi vera, li jibqgħu għal dejjem, bi Kristu Sidna. Ammen.
RADD TA’ ĦAJR WARA T-TQARBIN
Alla etern u setgħani,
fl-imħabba li Inti, li ma tonqosx
ipprovdi ministri lill-Knisja tiegħek.
Nitolbu għal dawk li inti ssejjaħ biex jaqdu bħala saċerdoti.
Ispira fihom rispons ġeneruż.
Agħtihom il-kuraġġ u l-viżjoni
biex jaqdu lill-poplu tiegħek.
Ħa tkun ħajjithom u s-servizz tagħhom sejħa għall-poplu tiegħek
biex nirrispondu għall-preżenza tal-Ispirtu tiegħek fostna,
li fidili lejn il-Vanġelu u
b’tama fi Kristu Ġesù inkunu nistgħu:
inħabbru aħbar tajba lill-fqar,
inxandru l-libertà lill-imjassra,
neħilsu lill-maqbudin
u nġeddu il-wiċċ tal-art.
Patrijiet Dumnikani, G’Mangia – Pietà