Kummissjoni Familja

Il-Kummissjoni Familja ilha mwaqqfa mill-1982 mill-kappillan ta’ dak iż-żmien Patri Ġorġ Frendo. 

L-għan prinċipali ta’ din il-kummissjoni huwa l-istess li nsibu fil-Pjan Pastorali ta’ l-Arċidjoċesi ta’ Malta matul 2009 – 2010:

  • li tfittex li tagħti kull għajnuna lill-miżżewġin ħalli jgħixu b’impenn il-vokazzjoni tagħhom, u ssaħħaħ il-ħajja tal-familja;
  • li tieqaf ma’ dawk li huma vittmi ta’ tbatija fil-ħajja taż-żwieġ u tal-familja;
  • li tfittex tgħin biex il-familji stess iwasslu bis-sħiħ il-valuri li jibnu ż-żwieġ u l-familja fis-soċjeta’ Maltija llum.

Dawn huma xi attivitajiet li l-Kummissjoni Familja tal-parroċċa tagħna twettaq:

Kull tieni Sibt tax-xahar tiġi ċċelebrata fil-parroċċa quddiesa tal-familja u ta’ l-anniversarji taż-żwieġ, li għaliha jiġu mistiedna dawk il-koppji li jkunu qed jiċċelebraw l-anniversarju taż-żwieġ tagħhom matul dak ix-xahar.  Wara l-quddiesa l-koppji jirċievu tifkira ta’ l-okkażjoni.

Matul il-ġimgħa tal-festa tal-Madonna ta’ Fatima jiġu mistiedna l-koppji li jkunu żżewġu dik is-sena.

Kif inhi x-xewqa tal-Knisja f’Malta, il-Kummissjoni Familja qegħda tieħu ħsieb illi tagħmel laqgħa speċjali ta’ tħejjija aktar mmedjata u direta għall-għarajjes li jkunu waslu biex jiżżewġu matul is-sena.  Jiġu mistiedna dawk il-koppji li huma parruċċani kif ukoll dawk l-għarajjes li għalkemm mhumiex parruċċani jkunu se jiżżewġu fil-knisja tagħna.  Dawn il-laqgħat jinżammu bejn darbtejn jew tlett darbiet fis-sena, jiddependi skond in-numru ta’ koppji li jkunu se jiżżewġu dik is-sena. F’dawn il-laqgħat ġeneralment ikunu mistednin “counsellors” tal-Moviment ta’ Kana.  Fi tmiem il-laqgħa jingħata wkoll ċertifikat ta’ l-attendenza.

Il-Kummissjoni tieħu sehem attiv ukoll fin-novena tal-Milied.

Il-Kummissjoni torganiżża eżerċizzi spiritwali għall-miżżewġin.  Hija tistieden direttur spiritwali, u xi helpers mill-parroċċa joffru s-serviżż ta’ baby sitters ħalli l-miżżewġin ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħa b’mod aktar trankwil.  Id-dati ta’ dawn il-laqgħat jiġu mxandra mhux biss fil-quddies tal-Ħdud, imma wkoll b’mezzi oħra ta’ komunikazzjoni.

Minn Diċembru ta’ l-1998, il-Kummissjoni bdiet tanima l-adorazzjoni fil-parroċċa kull tieni Ġimgħa tax-xahar tul is-sena kollha.  Barraminhekk hija tieħu sehem u tipprepara siegħa adorazzjoni fil-lejl bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira.

Għall-Jum l-Omm u Jum il-Missier, l-membri jorganizzaw quddiesa s-Sibt għall-ommijiet u missirijiet mejtin.  Min jieħu sehem f’din il-quddiesa jagħti l-isem tal-mejtin lill-membri biex imbagħad jiġu offruti waqt l-offertorju flimkien mal-ħobż u l-inbid.  Imbagħad il-Ħadd tiġi ċċelebrata l-quddiesa tal-10.00a.m. għall-ommijiet u missirijiet ħajjin. Saret drawwa tal-parroċċa li l-ommijiet u l-missirijiet preżenti jirċievu tifkira żgħira.

 

G R U F A N (Grupp Familji Nsara)

Fil-parroċċa tagħna l-GRUFAN beda jeżisti fl-1973 u nistgħu ngħidu li sa mill-bidu tiegħu kien iffurmat minn numru sabih ta’ koppji.  Kien grupp attiv li jiltaqa’ darba fix-xahar għal riflessjonijiet dwar il-familja mdawlin bil-kelma ta’ Alla.  Il-grupp dejjem kien akkumpanjat minn direttur spiritwali, li l-biċċa l-kbira kien ikun l-istess kappillan.  Hekk insibu l-ewwel wieħed P. Vinċens Portelli, imbagħad P. Ġorġ Frendo, P. Pawl Cremona, P. Pawl Gatt, P. Ġwann Frendo, P. Joseph Bonnici u P. Michael Camilleri.  Barra minn dawn kien hemm ukoll P. Anton Dalli.  Fost il-koppji li kienu jieħdu sehem ghandna lil Carmel (RIP) u Connie Attard Bason, Emmanuel u Emma Azzopardi, Paul u Lina Borg, Paul (RIP) u Rose Vella, Antoine u Mary Ellul, Willie (RIP) u Rita Cordina, Alfred (RIP) u Rose (RIP) Muscat, Frans u Mary Polidano, Joseph u Rita Goggi, Paul u Anna Fitzpatrick, Joe u Yvonne Azzopardi, Eric u Doris Bugeja, Freddie u Lucy Abdilla, Sammy u Sylvia Tonna, Carmelo (RIP) u Jane Galea, Edward u Carmen Francalanza, Rita u Godwin Camilleri, Saviour u Carmen (RIP) Porter.  Il-GRUFAN intemm fl-2002.

Wara waqfa ta’ 9 snin, il-GRUFAN rega’ ħa l-ħajja fl-2011.  Xi koppji li kienu jieħdu sehem fl-imgħoddi reġgħu ngħaqdu mal-Grupp il-ġdid.    P. Vince Micallef, li wasal lura mill-Brażil, u li okkupa l-missjoni tiegħu bħala viċi-kappillan, beda jieħu ħsieb il-grupp bħala direttur spiritwali  Fl-ewwel xhur kienet tiġi l-koppja distrettwali tad-Djoċesi Mario u Anna Zerafa, sakemm il-grupp parrokkjali ħa r-riedni f’idejh.  Hekk ġiet magħżula l-koppja mexxejja minn fostna, Godwin u Pauline Grech.  Il-membri fil-preżent huma: Edward u Carmen Francalanza, Anthony u Miriam Xuereb, Ramon u Margaret Borg, Ganni u Dolores Pace, Spiridione u Maria Pulo, Michael u Mary Seychell, Charles u Carmen Azzopardi, Tony Barbara, Emily u Andrew Gauci, Lawrence u Sandra Zammit, Eddie u Mary Bttigieg, Paul Fitzpatrick.

Fil-preżent (2017) il-grupp huwa magħmul minn Godwin u Pauline Grech (koppja mexxejja),  Anthony u Miriam Xuereb, Ramon u Margaret Borg, Ġanni u Dolores Pace,  Emily u Andrew Gauci, Eddie u Mary Bttigieg, John u Gemma Gatt, Carmvic u Romina Buontempo.  Id-direttur spiritwali baqa’ Patri Vince, issa bħala kappillan mill-2013.  Il-Grupp huwa attiv u partiċipattiv għal-laqgħa ta’ kull xahar. Kultant ikollna xi laqgħa extra biex nassistu għal xi video interessanti, dejjem b’suġġett dwar il-familja.  Inħajru aktar membri biex jingħaqdu magħna ħalli nkomplu nsaħħu l-familji tagħna.  Il-laqgħa ssir dejjem fl-ewwel Tnejn tax-xahar, fis-7.00pm fis-sala tal-kunvent.  Nistennewkom.